Żoni urbani huma magħrufa bħala fost l-akbar kontribwenti għat-tibdil fil-klima madwar id-dinja. Fl-istess ħin, dawn huma partikolarment vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Qed jikber l-għarfien li t-tibdil fil-klima ħa jkun magħna għal żmien twil, u li hemm bżonn ta’ azzjonijiet mhux biss biex jitnaqqsu l-emissjonijiet imma wkoll biex naddattaw għall-impatti li jistgħu iseħħu fiż-żmien qarib u fil-futur. Konsegwentement, huma meħtieġa reazzjonijiet innovattivi biex tiżdied ir-reżiljenza u l-adattament tal-ibliet Mediterranji.

ReMED

Il-proġett ReMED (Towards Climate Resilient Mediterranean Cities) għandu l-għan li jikkapitalizza u jikkombina ir-riżultati ta’ proġetti preċedenti (CESBA MED Sustainable MED Cities, Sustainable MED Cities, ARTACLIM u Habit.A). ReMED se jiżviluppa sett ta’ għodod innovattivi w affordabbli, flimkien ma’ qafas ta’ appoġġ għad-deċiżjonijiet, biex jgħin lill-ibliet sabiex:

  • jevalwaw u jifhmu l-livell tar-riskju klimatiku kemm fuq skala urbana kif ukoll fuq binjiet individwali;
  • ifasslu miżuri ta’ adattament klimatiku ottimali skont il-kundizzjonijiet lokali;
  • jimplimentaw miżuri ta’ adattament klimatiku permezz tal-istrumenti ta’ politika l-aktar xierqa;
  • jimmonitorjaw u jevalwaw ir-riżultati tal-miżuri ta’ adattament fuq medda ta’ żmien.

ReMED se jappoġġja l-Governanza fuq Livelli Multipli (MLG) fl-adattament għall-klima, kif ġie irrakkomandat mill-UN COP26. Il-metodi, l-għodod u l-qafas ta’ appoġġ għad-deċiżjonijiet ta’ ReMED se jkunu organizzati fuq pjattaforma onlajn imsejħa l-Pjattaforma ReMED. ReMED se jipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi b’għarfien għal-użu tal-Pjattaforma ReMED sabiex jiffaċilita l-użu prattiku tagħha. Il-proċess tal-għarfien se jkun iffokat fuq l-ittestjar tal-Pjattaforma ReMED biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ adattament permezz ta’ strumenti ta’ politika. L-eżitu ewlieni tal-proġett se jkun żieda ġenerali fl-għarfien tal-awtoritajiet pubbliċi biex ikunu jistgħu jimplimentaw miżuri effettivi li jtejbu r-reżiljenza tal-ibliet.