L-edukazzjoni hi bla dubju ta’ xejn essenzjali għal bidla kulturali li timmira lejn żvilupp sostenibbli. L-implimentazzjoni tal-viżjoni ta’ EkoGħawdex tiddependi ħafna mill-imġiba u l-attitudni individwali u dan jista’ jinkiseb permezz ta’ għarfien u edukazzjoni.
Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar jaħdem fil-qrib mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u jsegwi l-istrateġiji proposti għall-Edukazzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli fil-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali. L-għan ta’ din il-ħidma hu li jissapportja lill-istudenti biex jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati u azzjonijiet responsabbli b’risq l-integrità ambjentali u l-vjabbiltà ekonomika, ħalli tinħoloq soċjetà li tirrispetta d-diversità kulturali u taħseb fil-ġenerazzjonijiet futuri.
Barra milli jikkollabora mal-iskejjel kollha f’Għawdex, fosthom l-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja, EkoGħawdex jikkollabora wkoll ma’ programmi edukazzjonali fosthom EkoSkola, LEAF u YRE. EkoGħawdex jorganizza kampanji ta’ għarfien ma’ entitajiet differenti, fosthom id-Dipartiment tas-Saħħa, il-Kunsilli Lokali, il-Malta Libraries u entitajiet privati. Barra minn hekk, jinżammu attivitajiet fi Ġranet speċifiċi bħal Jum is-Siġar, il-Jum Dinji tal-Ambjent, Jum id-Dinja, u l-Jum Dinji tal-Ktieb u tal-Copyright.
Hu meħtieġ li l-prinċipji ta’ EkoGħawdex jkunu viżibbli mhux biss fl-istruttura tal-iskola imma wkoll fit-tagħlim. Barra milli jkollna bozoz li jsalvaw l-enerġija jew li nużaw materjal irriċiklat, hemm bżonn li ngħaddu valuri u prinċipji li jakkumpanjaw lill-individwi fil-vjaġġ ta’ ħajjithom u li fl-istess ħin iseddqu l-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet ta’ issa u tal-futur.