Id-Direttorat ta’ EkoGħawdex f’kollaborazzjoni mal-Istitut tax-Xjenzi tal-Ispazju u l-Astronomija (ISSA) tal-Università ta’ Malta, waqqfu l-ewwel Osservatorju Nazzjonali tal-Astronomija Ottika f’Malta, fil-Qortin Ta’ Sopu, in-Nadur.

Wara studju fuq kemm hemm dawl fis-sema billejl, li sar minn riċerkaturi fid-Dipartiment tal-Fiżika u ISSA1, irriżulta li l-kosta tal-grigal ta’ Għawdex instabet tajba biex tilqa’ osservatorju astronomiku, speċifikament is-sit ħdejn il-park tal-familja Ta’ Sopu. Is-sit issodisfa numru ta’ rekwiżiti; l-iktar importanti, minnu wieħed jista’ jara sema pjuttost imdallam, speċjalment lejn it-tramuntana.

Dan l-osservatorju se jintuża kemm għall-għanijiet tar-riċerka xjentifika u kemm bħala faċilità tat-taħriġ għall-istudenti tal-fiżika u l-astrofiżika. Iservi wkoll biex iqajjem għarfien xjentifiku fost il-pubbliku ġenerali permezz ta’ attivitajiet. Hemm bosta proġetti xjentifiċi ta’ valur li jistgħu jsiru f’dan l-osservatorju, speċjalment serje ta’ testijiet fotometriċi, fosthom osservazzjonijiet ta’ bosta kwiekeb u fuq id-derivazzjoni ta’ perjodi ta’ rotazzjoni ta’ asterojdi. Dawn il-proġetti jservu wkoll bħala bażi għal taħriġ b’saħħtu fl-osservazzjoni tal-astronomija għal studenti universitarji, fejn mhux biss ikunu qed jiksbu esperjenza konkreta fl-osservazzjoni astronomika u l-ġbir tad-data, imma jikkontribwixxu wkoll għal riżultati xjentifiċi.

It-teleskopju għandu apertura ta’ 500m. L-assemblaġġ tat-tubu ottiku hu tip Ritchey-Chrétien. L-‘imaging train’ jinkludi focal reducer, adaptive optics module, off-axis autoguider, u filter wheel b’filtri ta’ dawl, aħmar, blu, aħdar, Hα, SII u OIII. Il-camera module hi ‘cooled 16.8-megapixel camera’ b’9 micron pixels. Is-saqaf sferikali hu wiesa’ 3m u għandu ‘weather sensors’ u ‘tracking capabilities’. Is-sistema kollha tista’ wkoll tiġi operata b’mod remot.

1 Caruana et al. (2020). A photometric mapping of the night sky brightness of the Maltese islands. Journal of Environmental Management, 261, 110196. https://doi.org/10.1016/j.jenvman.2020.110196