Bħala parti mill-pjan ta’ konservazzjoni tal-ħabitati naturali tal-ambjent rurali, il-Ministeru għal Għawdex żviluppa inizjattiva fit-tul biex isebbaħ u jġedded il-Gżira ta’ Għawdex b’żewġ proġetti kbar ikkofinanzjati mill-Unjoni Ewropea.
EAFRD M4.4121
Riabilitazzjoni tal-widien ta’ Għawdex biex jinqabad iktar l-ilma tax-xita u tinżamm il-ħamrija
L-ewwel proġett hu tar-riabilitazzjoni tal-widien, fejn jiġu mnaddfa s-sistemi tal-widien, jinbnew il-ħitan tas-sejjieħ tal-madwar, u jitjiebu l-faċilitajiet tal-ħżin tal-ilma tax-xita. L-għan hu li jissaħħaħ il-potenzjal li għandu Għawdex li jiġbor l-ilma tax-xita u ma tintilifx ħamrija li titkaxkar mill-ilma. Dan hu wkoll f’linja mal-istrateġija ta’ EkoGħawdex.
Il-proġett jaqa’ wkoll taħt il-Miżura 4.4 – Investimenti non-produttivi marbuta mal-kisba ta’ għanijiet agrikoli, ambjentali u klimatiċi. L-iffinanzjar inġab, 75% mill-UE u 25% mill-Ministeru għal Għawdex.
Sa żmien il-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument, il-proċess tat-tenders sar u bdew ix-xogħlijiet fil-lokalitajiet Ta’ Kerċem, l-Għasri u l-Belt Victoria.
EAFRD M4.4205
Restawr ta’ Ħitan tas-Sejjieħ fir-Ramla
It-tieni proġett jiffoka fuq il-Wied tar-Ramla. Dan il-wied jinkorpora diga li hi importanti biex taħżen l-ilma li jintuża mill-komunità lokali ta’ bdiewa fix-xitwa u x-xhur kwieti. Dan il-proġett jaqa’ wkoll taħt Miżura 4.4, u jrid itejjeb il-kwalità tal-pajsaġġ u l-bijodiversità tal-inħawi li huma meqjusa bħala ħabitat seminaturali ta’ diversi popolazzjonijiet endemiċi. Hu kkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea fuq bażi ta’ 75%. Il-bqija tal-fondi se jinħarġu mill-Ministeru għal Għawdex. Għalissa, il-proċess tal-procurement hu lest, u x-xogħlijiet mistennija jibdew malajr kemm jista’ jkun.
Iż-żewġ proġetti huma meqjusa meħtieġa ħafna għall-komunità lokali u jimmiraw lejn it-titjib tas-servizzi, waqt li se jikkontribwixxu biex jisbieħ il-pajsaġġ, ħalli hekk jinkuraġġixxu opportunitajiet aħjar għall-mixi u l-passiġġati kif irrakkomandat mill-istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli tal-UE.