Il-Ġonna storiċi ta’ Villa Rundle jospitaw fihom firxa wiesgħa ta’ siġar u xtieli lokali u barranin. Is-sit ġie msebbaħ bejn l-2009 u l-2012 biex jipprovdi faċilitajiet ta’ rikreazzjoni u spazju miftuħ għall-familji. Il-ġonna spiss jintużaw biex jinżammu fihom avvenimenti edukattivi u soċjali f’Għawdex, u huma wieħed miċ-ċentri ta’ attivitajiet kulturali fil-qalba tal-Belt Victoria.
Inizjattiva – li ssemmiet Esploratur tal-Bijodiversità f’Għawdex – tnediet fl-2015 biex toħloq lista botanika tas-siġar u l-pjanti kollha fil-ġonna pubbliċi f’Għawdex. Plakek bit-testi minquxa fuqhom fl-akrilika, li twaħħlu fuq siġar magħżula, juru lill-pubbliku informazzjoni ġenerali fuq id-diversi speċi fil-Ġonna ta’ Villa Rundle u Ġnien it-Tliet Għoljiet f’Marsalforn.