Il-programm tal-Bandiera Blu hu mmexxi mill-Fondazzjoni għall-Edukazzjoni Ambjentali (FEE), organizzazzjoni internazzjonali inipendenti u li ma tfittixx profitt. L-operatur tal-Bandiera Blu Nazzjonali għal Malta hu Nature Trust (Malta) NTM. Il-Bandiera Blu taħdem għal żvilupp sostenibbli f’bajjiet/marini bi kriterji rigorużi li jmissu l-kwalità tal-ilma, l-edukazzjoni u l-informazzjoni ambjentali, l-immaniġġjar ambjentali, u s-sigurtà u servizzi oħra.
F’Għawdex, hemm tliet bajjiet li jikkwalifikaw għall-istatus ta’ Bandiera Blu. Dawn huma: il-Bajja tar-Ramla, Ħondoq ir-Rummien, u l-Bajja ta’ Marsalforn. Id-Direttorat ta’ EkoGħawdex jissorvelja l-programm tal-immaniġġjar tal-bajjiet li jikkwalifikaw għall-Bandiera Blu.
Dan jinkludi li:
- Jipprovdi informazzjoni u jorganizza attivitajiet ta’ edukazzjoni ambjentali għal dawk li jużaw il-bajjiet;
- Jiżgura li l-bajjiet jirrispettaw f’kollox l-istandards u r-rekwiżiti tal-kwalità tal-ilma;
- Jipprovdi servizzi, aċċess u ħaddiema tat-tindif adegwati, waqt li numru biżżejjed ta’ lifeguards u/jew tagħmir ta’ lifesaving għandhom ikunu disponibbli fil-bajja.