L-għan tal-Interreg Europe eBussed Project hu li jkun hemm qsim ta’ esperjenzi u ideat bejn reġjuni fi stadji differenti ta’ żvilupp fit-tħaddim tal-e-bus u biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-politika pubblika li tissapportja reġjuni li qed jagħmlu t-tranżizzjoni lejn trasport pubbliku li juża inqas karbonju u iktar elettriku sostenibbli.
Il-proġett, li fih il-Ministeru għal Għawdex huwa sħab, beda uffiċjalment fl-2019. Fl-aħħar xhur ġie żviluppat Pjan ta’ Azzjoni lokali f’kull pajjiż parteċipant. Fil-21 ta’ Ġunju 2002 il-pjan ta’ azzjoni lokali għal Għawdex ġie ppreżentat lil dawk kollha involuti waqt attività li nżammet fil-Lukanda Cornucopia, ix-Xagħra, Għawdex. Għal dan l-avveniment kienu preżenti l-parteċipanti kollha fil-proġett, fosthom is-CEO tal-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali f’Għawdex (GRDA), li qed tissapportja l-Pjan ta’ Azzjoni u se tinkludih fl-Istrateġija għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex.
Fit-Tieni Fażi tal-proġett (Lulju 2022 – Lulju 2023), kull wieħed mill-pajjiżi sħab se jkun qed jagħmel monitoraġġ tal-proċess tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet imniżżla fil-pjan ta’ azzjoni lokali.