Is-sagħtar jifforma parti minn grupp ta’ ħwawar perenni indiġeni għar-reġjun tal-Mediterran, ta’ daqs żgħir u aromatiku. B’mod naturali, wieħed isib is-sagħtar f’żoni tal-blat fejn normalment jinstab f’numru konsiderevoli. Skont il-kundizzjonijiet prevalenti u l-fond tal-ħamrija, d-daqs tas-saghtar jvarja minn arbuxelli żgħar u baxxi mal-art għal kbar sa madwar żewġ metri wisgha. Din l-ispeċi hija wkoll importanti ħafna ekoloġikament, partikolarment għan-naħal, peress li tipprovdilhom ikel u nutrijenti matul ix-xhur tal-bidu tas-sajf meta m’hemmx ħafna pjanti tal-fjuri selvaġġi.
L-għasel Malti huwa mfaħħar b’mod partikolari għall-kwalità tiegħu speċjalment meta jiġi mis-sagħtar. Fl-imgħoddi, missirijetna kienu jużaw is-sagħtar b’diversi modi oħra, bħall-kura tan-nifs ħażin, mard respiratorju, artrite u rewmatiżmu, kif ukoll bħala antisettiku, fost l-oħrajn. Fil-passat, is-sagħtar kien sfruttat ħafna għal firxa wiesgħa ta’ użi li wasslu għat-tnaqqis tiegħu u b’riżultat ta’ dan, is-sagħtar ilu protett b’Liġi sa mill-1932. Minħabba f’hekk, l-ispeċi issa huma relattivament komuni fil-Gżejjer Maltin.
Il-weraq huma linejari u pjuttost imlaħħmin u jikbru fi gruppi. Normalment, is-sagħtar huwa miksi b’xagħar mhux maħdum u bi glandoli li jagħtu lill-pjanta l-fwieħa speċjali tagħha speċjalment meta togħrok il-weraq.
Il-fjuri huma pjuttost żgħar u jvarjaw minn roża jew lelà għal kulur vjola (rari ħafna bojod). Dawn jidhru fi gruppi lejn l-aħħar tar-rebbiegħa u jibqgħu matul il-biċċa l-kbira tas-sajf. Għandhom forma ta’ kon iċċattjat b’mod dorsali, li jġorru stamens (organi maskili) li jisporġu ‘l barra fejn jinsab il-polline (ċelluli riproduttivi maskili).